Shirley Al Omar ta’ 44 sena mill-Mosta nżammet arrestata wara li flimkien ma’ binha ta’ 12-il sena allegatament serqu minn diversi djar, bil-maġġoranza tal-vittmi kienu anzjani.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lydon Zammit qalet li fit-23 ta’ Ġunju u fit-2 ta’ Lulju saru żewġ serqiet fi djar fil-Mosta u San Pawl il-Baħar. Intqal ukoll li fl-għassa tal-Mosta daħlu diversi rapporti li allegatament l-omm u binha bdew jittallbu għall-flus, u sakemm l-anzjani jidħlu ġewwa għalihom, kienu jsibu l-affarijiet neqsin.
Fil-Qorti, il-mara qalet kif bħalissa mhux taħdem u wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ma ġietx milqugħa mill-Qorti, u l-mara qed tinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Hija kienet akkużata wkoll li wettqet dawn ir-reati waqt il-perjodu operattiv ta’ żewġ sentenzi oħra, u b’hekk kisret il-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor f’dan iż-żmien.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li b’dan il-każ fil-Qorti, ġew solvuti sensiela ta’ serqiet fil-Mosta u San Pawl il-Baħar.