Heide Jennifer Payne, Ingliża ta’ tmintax-il sena li tgħix ir-Rabat, inżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata li wettqet diversi serqiet f’Novembru tas-sena l-oħra u Marzu li għadda.
Fil-Qorti nstema’ li minn kameras tas-sigurtà f’kumpless tal-ħwienet f’Tas-Sliema, l-imputata dehret tisraq xi ħwejjeġ minn tliet ħwienet.
Intqal ukoll li t-tfajla kellha x’taqsam ukoll ma’ tranżazzjonijiet qarrieqa marbutin ma’ kumpanija fil-crypto currency, liema tranżazzjonijiet swew lill-kumpanija mal-għaxart elef ewro.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat li t-tfajla tinżamm f’sezzjoni taż-żgħażagħ.