Dragana Mijalkovic, mara ta’ 42 sena mis-Serbja, ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkuzata bl-omiċidju ta’ żewġ anzjani Ingliżi, f’każijiet separati.
David Grant ta’ 67 sena u Neville Ayers ta’ 78 sena instabu mejta fl-appartament tal-akkużata, f’każijiet separati, f’San Pawl il-Baħar.
Mijalkovic wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha.
L-ispetturi Fabian Fleri u James Grech qalu quddiem il-Qorti kif fit-12 ta’ Ottubru, Mijalkovic, ittieħdet l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra wara li l-Isptar Mater Dei infurmawhom li r-raġel, Neville Ayres ta’ 78 sena, tilef ħajtu wara li ntalbet l-għajnuna f’appartament f’San Pawl il-Baħar.
Il-prosekuzzjoni spjegat li kif inbdew l-investigazzjonijiet, instab li raġel ieġor ta’ 67 sena, David grant, kien tilef ħajtu fl-istess ċirkustanzi fis-6 ta’ Frar, fl-istess appartament u fil-preżenza tal-istess mara.
Intqal ukoll li l-istess mara ġiet arrestati għax ma kinitx fil-pussess ta’ permess ta’ residenza u l-anqas visa biex tkun Malta u kif ukoll wara li r-riżultat tal-awtopsja wera li setgħet ma kinitx mewta naturali.
Investigazzjoni li għamlet il-Pulizija write kif iż-żewġt irġiel kienu jieħdu mediċina, li Mijalkovic kienet tinsisti li għandhom jieħdu, mingħajr preskrizzjoni. L-investigaturi għadhom qed jistennew l-informazzjoni medika taż-żewġt irġiel mill-Ingilterra.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ddeċieda li Mijalkovic m’għandiex tingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li jaf ikun hemm possibiltà li jsir xi tbgħabis fl-evidenza u kif ukoll għax hemm tħassib li Mijalkovic tista’ taħrab.