Omm ta’ tlett itfal mill-Ħamrun, li m’għandhiex impjieg, inżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata li, f’Jum l-Għid, saqet il-karozza tagħha, tal-għamla Mercedes Benz, f’faċċata ta’ ħanut waqt li kienet xurbana.
Fil-Qorti nstema’ kif, allegatament, il-każ kien intenzjonat wara argument li seħħ bejn raġel li kien qed jirrifjuta li jħallasha l-kera ta’ proprjetà li kien jikri mingħandha.
Sonia Sammut, ta’ 35 sena, tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace akkużata li kkawżat elfejn u ħames mitt ewro (€2,500) fi ħsarat f’ħanut fil-Ħamrun
Filmati minn kameras tas-sigurtà wrew lill-akkużata ssuq għal fuq il-faċċata, rriversjat, u reġgħet saqet għal fuq il-faċċata. Il-Prosekuzzjoni nnotat kif l-akkużata kienet qed tipprova tolqot wieħed mill-impjegati.
Wara li semgħet id-dettalji tal-każ, il-Qorti rrifjutat talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Sammut tibqa’ miżmuma arrestat filwaqt li l-Prosekuzzjoni tressaq aktar xhieda biex jixhdu.