Kumpanija privata tal-għamara f’Ħal Qormi investiet total ta’ 9 miljun ewro li permezz tiegħu ħolqot 50 impjieg ġdid.
B’dan l-investiment, S.A.W Ltd bniet estensjoni tal-fabbrika tagħha għad-ditta, bl-isem ta’ DARI, li tipproduċi għamara aktar moderna.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlu fil-kumpanija l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett. Huma setgħu jaraw l-investiment u t-tkabbir li din il-fabbrika għamlet u li parti minnu ġie ffinanzjat minn fondi Ewropej.
Il-kumpanija S.A.W. Ltd hija negozju tal-familja li ilu jopera għal kważi 30 sena, u tispeċjalizza fil-manifattura ta’ għamara.
Matul is-snin, il-fabbrika investiet diversi drabi f’makkinarju u f’apparat ieħor biex tkun tista’ tibqa’ tikkompeti fis-suq lokali.
Mark Cassar, li huwa l-General Manager ta’ din il-kumpanija, spjega li permezz tal-Business Enhance Grant, din il-kumpanija ngħatat l-appoġġ għal erba’ proġetti. Permezz ta din l-iskema, ngħatat madwar €2 miljun f’fondi Ewropej għal xiri ta’ makkinarju u ta’ tagħmir ieħor.
Il-Manager Ġenerali tal-kumpanija qal “Il-fatt li kellna l-għajnuna u s-sapport, dak wera għalina fiduċja fil-proġett tagħna, u aħna għamilna l-qalb biex inkomplu ninvestu”.
Il-Ministru Schembri spjega li l-iżvilupp li għamlet din il-kumpanija, jixhed il-politika tal-Gvern, li jara li jkompli jsir investiment fis-suq lokali, f’dan il-każ fil-qasam tal-manifattura.
Il-Ministru Silvio Schembri qal “Investiment ta’ 9 miljun ewro f’fabbrika ġdida li hija iktar iffukata fuq mod innovattiv permezz ta’ teknoloġija li anke kkreat 50 impjieg ġdid, u allura dik tkompli tgħin sabiex ikollna tkabbir ekonomiku wieħed sostenibbli li jagħti wkoll opportunitajiet għax-xogħol u ħolqien ta’ ġid għal pajjiżna.”
Anki s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett tkellem dwar is-suċċess ta’ din il-kumpanija li, bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, kompliet tikber u tinvesti fl-operat tagħha.
Is-segretarju Parlamentari Chris Bonett qal “Permezz tal-fondi Ewropej għamlu tkabbir esponezjali b’makkinarju u xogħol, biex illum hija waħda mill-aqwa kumpaniji li hawn u kumpanija li tagħmel catering anke barra minn Malta. Dak huwa t-tkabbir li rridu naraw u għalhekk il-fondi Ewropej irridu nużawhom.”