Ġewwa s-sala fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn waqt open day miftuħa għall-pubbliku, wieħed seta’ jsib diversi oġġetti sentimentali li raw l-istorja tal-Partit Laburista, mit-twelid tiegħu sal-lum.
Fost l-oħrajn, wieħed seta’ jsib numru ta’ manifesti elettorali antiki tal-Partit Laburista li jmorru lura ġenerazzjonijiet sħaħ, u anke gazzetta fejn tħabbret l-ewwel darba li l-Partit Laburista ħareġ għal elezzjoni ġenerali. Hawn spikkaw ukoll uħud mill-ewwel tesseri tal-Partit Laburista.
Fis-sala wieħed seta’ jsib ukoll oġġetti personali ta’ numru ta’ mexxejja Laburisti, fosthom it-toga tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici u l-aħħar kotba li kien qed jaqra, qabel ma miet f’Novembru tas-sena l-oħra.
Madwar is-sala ddominaw ukoll diversi oġġetti personali tal-Perit Dom Mintoff, fosthom libsa tiegħu, diversi ċinturini bl-arma tal-Partit Laburista, u anke l-bagalja u l-pipa tiegħu.
Fis-sala spikkat ukoll l-ewwel camera tal-istazzjon ONE li tmur lura għas-snin disgħin.
Waqt din il-wirja, ONE News iltaqa’ ma’ John Mizzi, li b’kumbinazzjoni, ra ritratt tiegħu stess mal-Perit Mintoff, hekk kif dakinhar, huwa kien wieħed mill-mijiet ta’ żgħażagħ li mlew it-toroq tal-Belt bi protesti.
John tkellem ma’ dal-istazzjon dwar in-nostalġija li ħass hekk kif ra dan ir-ritratt, u ddeskriva l-istorja ta’ warajh, f’memorja li għamel meta kellu biss għoxrin sena.
“Kienu qed isiru ċertu affarjiet, u qatt ma qbilna magħhom aħna bħala żgħażagħ tal-Partit Laburista, allura bdejna nidħlu l-Belt u nagħmlu l-protesti. Jien kont wieħed li nqbadt, li qlajt xeba lembubi, kont naħdem is-Savoy, is-cinema, kif ħiereġ minn film, insib Surġent u Pulizija tawni xeba lembubi, ħaduni l-isptar b’dahri. Iġifieri xejn ma rajt sabiħ.”
Minkejja dak li ġara minħabba li għażel li jipprotesta dakinhar, John stqarr kif ma jiddispjaċih xejn li kien għex l-istorja dakinhar, hekk kif l-imħabba li kellu lejn il-partit u l-mexxej ta’ dak iż-żmien, ma ntfiet qatt.
“Wara dak il-jum ħriġt mill-isptar, imma l-qalb fejn tmur tiġri? Mhux wara Mintoff?”