Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet talba biex esperti mqabbdin fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet, jixhdu biex jiġi ċċarat kif waslu għall-ammonti ta’ flus, li kellhom jiġu ffriżati fil-każ ta’ imputati.
Din it-talba saret minn Jean Carl Farrugia, Kevin u Kenneth Deguara, u Deborah Chappell wara li kienu milquta minn ordnijiet ta’ ffriżar ta’ assi, li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro.
L-avukati difensuri tagħhom informaw lill-Qorti, li rrispondew għas-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni, filwaqt li din qalet kif m’għandhiex aktar evidenza x’tippreżenta, aktar minn dak li joħroġ mill-inkjesta.
Għaldaqstant, l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw għat-talba tad-Difiża biex jixdhu l-esperti konċernati.
Hawn ġie nnotat kif il-liġi ma tgħidx jekk il-Qorti għandhiex tisma’ xhieda fi proċeduri bħal dawn.
Minkejja dan, id-Difiża tħalliet tippreżenta nota b’lista tal-esperti u l-Qorti laqgħet it-talba biex dawn jixhdu, iżda ma laqgħetx it-talba biex jixhed l-Avukat Ġenerali. Minflok, inħarġet ordni biex dan jindika liema partijiet mill-inkjesta maġisterjali wasslu għall-ordnijiet tal-iffriżar.
Il-każ ġie aġġornat għal Settembru.