Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba sabiex tinfetaħ inkjesta fil-konfront tal-armla tan-Nutar Ivan Barbara, Rosanne Barbara Zarb.
Dan hekk kif tliet persuni, fetħu rikors il-Qorti, bil-għan li ssir din l-inkjesta fil-konfront tal-mara tan-Nutar.
Huma qed jakkużawha bi frodi u miżappropjazzjoni ta’ fondi.
Fir-rikors li ppreżentaw lill-Qorti, Simon Mallia, Valerie Mallia u Matthew Sacco qalu li bejniethom iddepożitaw tletin elf, sitt mija u ħamsin ewro għand in-Nutar Barbara.
In-Nutar Ivan Barbara miet aktar kmieni din is-sena, wara li marad bil-Covid-19 waqt li kien l-Indja ma’ martu sabiex hu u martu jadottaw wild.
Fir-rikors li ressqu l-Qorti, il-klijenti tan-Nutar Barbara qalu li huma kellhom jerġgħu jħallsu l-kapparra sabiex ma jitilfux il-propjetà li xtaqu.
Huma qed jallegaw li d-depożiti li ħallew għand in-Nutar Barbara bħala kapparra kienu qed jintużaw għal għanijiet oħra.
Sostnew li dawn l-allegazzjonijiet qatt ma ġew miċħuda minn mart in-Nutar.
Dan flimkien mal-allegazzjoni l-koppja kellhom xi kumpanji barra minn Malta, fejn seta’ kien hemm xi flus.
Intqal ukoll li mart in-Nutar hija accountat u hi kienet tieħu ħsieb l-accounts tar-raġel tagħha u għalhekk kienet taf li dawn il-flus kienu qed jintużaw għal għanijiet oħra.
Min-naħa tagħha, is-Sinjura Barbara Zarb ċaħdet li l-adozzjoni saret bil-flus tal-klijenti ta’ żewġha.