Il-Kaptan tal-vapur MV Lifeline Claus Peter Reisch deher il-Qorti dalgħodu biex f’seduta qasira, intlaqgħet it-talba tiegħu taħt diversi kundizzjonijiet biex aktar tard dan ix-xahar iżur lil ommu fil-Ġermanja.
Dan wara li lbieraħ sar l-aċċess fuq il-vapur li jinsab irmunkat max-Xatt tal-Isla fiż-żona ta’ Boiler Wharf.
Uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Belt u mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet flimkien ma’ esperti tal-Qorti, telgħu abbord il-vapur MV Lifeline u sabu lill-kaptan Ġermaniz Claus Peter Reisch, li jinsab mixli li għamel użu minn vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta mhux reġistrat mal-Awtorità għall-Bastimenti Żgħar, u li għamel użu mill-vapur meta ma’ kellux liċenjza minn Transport Malta.
Il-kaptan Reisch deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud dalgħodu fejn ingħata digriet dwar it-talba li għamel biex aktar tard dan ix-xahar, meta ommu tagħlaq 93 sena, jitħalla jmur jaraha fil-Ġermanja taħt diversi kundizzjonijiet.
Fost dawn irid jipprovdi kopja tal-biljetti, jieħu ġurament u jiddepożita ħamest elef ewro. Il-kawża ġiet differita għat-tletin ta’ Lulju.