Sentiment ferm pożittiv fost l-imsieħba soċjali Għawdxin dwar id-dokument importanti li se jfassal il-viżjoni għall-gżira Għawdxija għall-għaxar snin li ġejjin.
Din l-istrateġija, bl-isem ta’ ‘Gozo Regional Development Strategy’, ġiet approvata mill-Kabinett tal-Ministri nhar it-Tlieta li għadda u għandha l-għan li tħares lejn Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi bl-identità u l-karatteristiċi tagħhom.
Kien il-Prim Ministru Robert Abela li, fuq il-midja soċjali, ħabbar din id-deċiżjoni fuq id-dokument, deskritt bħala kruċjali, għal kif għandhom isiru l-affarijiet f’Għawdex.
Minn xogħol ta’ kwalità, għat-tisħiħ ta’ setturi, il-bini u kostruzzjoni, l-ambjent u l-pajsaġġ, Għawdex li jilħaq in-newtralità fil-karbonju, fost oħrajn.
F’intervista fuq ONE Radio nhar l-Erbgħa li għadda, il-Prim Ministru enfasizza u rrimarka kif Gvern Laburista se jaħdem u jara li Għawdex iżomm u jippriserva l-identità tiegħu.
Qal “Mhux dak hu s-sabiħ tal-gżira Għawdxija, li kull villaġġ f’din il-gżira Għawdxija għandu l-identità partikolari tiegħu u dik l-identità rridu nippriservawha daqs kif irridu nippriservaw il-pajsaġġ naturali, daqs kif irridu nżidu aktar spazji miftuħa, daqs kif f’Għawdex irridu naraw iżjed konnettività b’saħħitha, daqskemm irridu naraw iżjed opportunitajiet tax-xogħol, u għalhekk an island of villages, dan il-kunċett li twieled mis-soċjetà nnifisha. Id-dokument ġej mill-NGOS, soċjetà Għawdxija, stakeholders u għalhekk kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’.”
ONE News ħa r-reazzjoni ta’ xi msieħba soċjali u Kunsilli Lokali Għawdxin li lkoll laqgħu din l-istrateġija u tkellmu b’mod pożittiv fuqha.
Ġie nnotat ukoll is-sens ta’ konsultazzjoni li kien hemm bejn il-Gvern, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà Għawdxija nnifisha, biex b’hekk dan id-dokument seta’ jkollu rappreżentanza b’saħħitha.
Fost dawn kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg li ddeskriva din il-viżjoni bħala spunt importanti għal Għawdex.
Qal “Aħna qed naraw li, permezz ta’ din l-istrateġija u l-viżjoni li qed joħloq il-Gvern, qed naraw li jinħolqu setturi ġodda għal Għawdex, setturi li diġà rajna bħal Queen Mary University, setturi f’oqsma diġitali li diġà għandna, iżda hemm bżonn aktar minnhom. Aħna qed naraw setturi bħall-iżvilupp sostenibbli, pereżempju, ċentru ta’ riċerka ġdid.”
Daniel Borg semma kif, permezz ta’ dan kollu, imbagħad jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għall-Għawdxin stess u b’hekk fl-istess ħin titjieb u tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema f’Għawdex.
Fil-fatt l-istrateġija tgħidha bl-iswed fuq l-abjad li Għawdex għandu jkun gżira ta’ opportunitajiet u jiġu kkonsolidati s-suċċessi miksuba s’issa.
David Apap Agius, is-Sindku tar-raħal pittoresk tal-Għarb, eżempju ċar ta’ villaġġ Għawdxi bil-pajsaġġi u l-karatteristiċi uniċi li taf toffri l-gżira Għawdxija, tkellem dwar kif issa nistgħu nippriservaw l-identità tal-irħula, id f’id ma’ din l-istrateġija.
Qal “Hi strateġija tajba ħafna, li tikkumplimenta ħafna l-irħula Għawdxin u bħalma semma l-PM stess, Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi. Issa għandna nħarsu ’l quddiem u nimplimentaw dak li hemm fl-istrateġija u niftħu aktar biex in-nies jifhmu wkoll x’hemm f’din l-istrateġija. Irridu nidirizzaw ukoll dawk il-karatteristiċi tal-inqas fuq barra tal-faċċati tad-djar, fuq in-naħa ta’ ġew tajjeb ukoll li nżommu l-karatteristiċi tad-djar qodma li għandna.”