L-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, kif ukoll il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija laqgħu b’mod pożittiv l-aħbar li l-Gvern qed jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea biex jgħin l-operaturi tal-fast ferry jżidu u jsaħħu s-servizz.
Il-Kamra għall-Kummerċ Għawdxija u l-Awtorità għat-Turiżmu Għawdxija lkoll qalu kemm huwa sinifikanti dan is-servizz b’mod speċjali għall-Għawdxin, kemm fuq livell soċjali, kif ukoll ekonomiku. Fil-fatt, is-servizz tal-Fast Ferry jgħin lill-Għawdxin jaħdmu u jivvjaġġjaw b’mod iktar faċli bejn iż-żewġ gżejjer, li jsir b’neċessità u mhux b’kapriċċ.
Tennew li qed jittamaw li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea jiġu konklużi b’mod pożittiv mill-iktar fis possibli.
Intant, bħala parti mill-ftehim se tiddaħħal miżura oħra tal-manifest elettorali li permezz tagħha dawk il-pazjenti li jkunu qed jirċievu trattament mediku fl-isptar Mater Dei jew fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex jużaw is-servizz bla ħlas.