Ilbieraħ intlagħbet it-tieni ġurnata tal-Malta International Darts Open fejn fost l-oħrajn intlagħbu l-kompetizzjonijiet individwali tal-irġiel u tan-nisa kif ukoll Standing Para-Darts u Wheelchair Para Darts.
Fil-kompetizzjoni tal-irġiel, l-iktar plejer Malti li avvanza kien Norbert Attard li safa’ eliminat mill-fażi tal-aħħar sittax mill-Awtrijak Hannes Schneir 4-2. Aktar qabel, Attard elimina lill-Malti Jonathan Sciberras 4-0, lill-Ingliż Oliver Madge 4-2, lill-Ingliż Mark Busuttil 4-0 u lill-Malti l-ieħor Kevin Spiteri 4-1.
Il-kompetizzjoni tal-irġiel intrebħet mill-Olandiż Jelle Klaasen li għeleb lill-Iskoċċiż Mark Barilli 5-3.
Fil-kompetizzjoni femminili, il-plejer Althea Ciantar kienet l-iktar li avvanzat meta waslet sal-fażi tal-aħħar sittax. Wara li Ciantar rebħet 4-0 lil Kellyann McKinnon tal-Iskozja u lil Christine Muzik tal-Awstrija 4-3, hi kellha tbaxxi rasha kontra l-Ġermaniża Lena Zollikofer minkejja wirja tajba. L-istess Zollikofer rebħet 4-2.
Il-finali tal-nisa kienet ikkontestata Noa Lynn Van Leuven u l-Ġermaniża Lena Zollikofer b’tal-ewwel tirbaħ 5-2.
Fil-kompetizzjoni taż-żgħażagħ, il-Malti Thomas Sammut wasal sas-semifinali hekk kif ġie eliminat mill-Ungeriż Zoltan Polonyi wara skor ta’ 4-2. Aktar qabel, Sammut rebaħ lill-Ungeriż Zsolt Dudas 4-1 u lill-Malti Kyle Satariano 4-0.
Kien Ryan Branley mill-Ingilterra li rebaħ 5-4 lill-Ungeriż Zoltan Polonyi f’logħba inċerta sal-aħħar.
Fil-kompetizzjoni Standing Para-Darts, il-Malti Joseph Martin lagħab fi grupp D fejn wara li rebaħ 2-1 kontra Adam Doe tal-Ingilterra, tilef bl-istess skor ta’ 2-0 kontra l-Ingliżi Paul Gelder u David Johnson.
Fil-Wheelchair Para-Darts, il-Malti Bradley Zerafa beda tajjeb meta għeleb lit-Taljan Sergio Bartolini 2-1 għalkemm tilef 2-0 kontra Darren Kennish u 2-0 kontra Ian De Sweemer.
Illum tintlagħab it-tielet u l-aħħar ġurnata ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali li qed issir fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.