Operazzjoni delikata fil-Kordin Grain Terminal ġiet konkluża ftit tal-ħin ilu.
Dan wara li lbieraħ filgħodu nirien ħakmu silo li kien fih għalf tal-annimali. In-nar qabad waħdu b’mod naturali u mill-ħażna totali li kien fih ġew salvati 200 tunnellata ta’ għalf. Il-kumplament tal-għalf, li huwa stmat li jlaħħqu l-madwar 1,100 tunnellata, inħareġ permezz ta’ conveyer belt u tpoġġa fi trakkijiet tal-Wasteserv fejn se jkun qed jintuża bħala biomassa sabiex minnha jiġi ġġenerat l-elettriku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ ippublika filmat li juri din il-ħidma impenjattiva.
Filmat ippubblikat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed juri l-ħaddiema tat-tifi tan-nar jitfgħu l-ilma fuq mijiet ta’ tunnellati ta’ għalf tal-annimali li nħakem min-nirien.
Fuq il-post kien għadd kbir ta’ pumpiera li qed ħadmu f’xiftijiet minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli tal-post. Minħabba l-ammont kbir ta’ ilma li qed jintuża, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar ġibdu l-ilma mill-baħar permezz ta’ vettura industrijali tat-tifi tan-nar.
Preżenti f’kull ħin kien hemm ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei bħala prekawzjoni, kif ukoll ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tal-LESA.