Id-deputati Nazzjonalisti li sfiduċjaw lil Adrian Delia fil-lejl li għadda għadhom kif lestew minn laqgħa fil-Parlament.
ONE News hu infurmat li d-deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Herman Schiavone, żewġ deputati meqjusa li kienu leali lejn il-Kap Adrian Delia, kienu preżenti għal din il-laqgħa.
Hu sigriet magħruf li fl-aħħar ġimgħat dawn iż-żewġ deputati bdew jiddistakkaw ruħhom mill-Kap u għalhekk tradew lil fazzjoni ta’ Delia li kienu parti minnha u minflok issieħbu mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Fil-laqgħa li kien hemm ukoll bosta deputati magħrufa kemm imminaw lil Kap Adrian Delia fl-aħħar tliet snin, saret diskussjoni dwar min se jkun propost għall-Kap tal-Oppożizzjoni.
It-Times irrappurtat li wara l-laqgħa, dawn id-deputati se jmorru jiltaqgħu mal-President ta’ Malta George Vella.
Fost l-ismijiet li qed jissemmew biex isiru Kap tal-Oppożizzjoni u allura jokkupaw kariga kostituzzjonali hemm Chris Said u Claudio Grech.
Said kien id-deputat li ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Adrian Delia li rebaħlu fit-tellieqa għall-Kap, f’Settembru ta’ tliet snin ilu.
Claudio Grech huwa deputat ieħor mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u dal-lejl, hekk kif ħareġ mid-Dar Ċentrali, intlaqa’ minn tgħajjir ta’ ġakbin u traditur wara li hu mifhum li kien fost id-dsatax-il deputat li sfiduċjaw il-Kap f’vot sigriet.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li ġie sfiduċjat mid-deputati tiegħu stess, Adrian Delia qal li hu se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni għaliex id-deputati ma ressqux isem li għandu jokkupa floku l-kariga kostituzzjonali.