Ilbieraħ intemmet l-avventura tat-timijiet nazzjonali Maltin tal-Blackball li kienu qed jieħdu sehem fit-Tazza tan-Nazzjonijiet 2024 fi Bridlington l-Ingilterra.
Kienu t-tim B tal-irġiel u s-seniors Maltin li waslu sas-semifinali fil-kompetizzjoni rispettiva tagħhom għalkemm kienu żvinturati li ma waslux sal-finali.
It-tim B tal-irġiel l-ewwel għeleb lill-Ingilterra B1 11-10 fil-kwarti tal-finali sabiex fil-fażi tal-aħħar erbgħa huma ġew megħluba mill-Ingilterra B 11-9 minkejja wirja qalbenija.
Min-naħa tagħhom, is-Seniors kisbu rebħa ta’ 13-9 kontra l-Irlanda sabiex għaddew għas-semifinali. Hemmhekk huma kellhom jaffaċċjaw lill-Iskozja fejn sfortunatament tilfu 13-9.
Fl-istess waqt, it-tim A tal-irġiel ġie eliminat fil-kwarti tal-finali wara telfa ta’ 13-10 kontra l-Irlanda filwaqt li l-Masters tilfu kontra l-Irlanda ta’ Fuq 13-8.
Sadanittant illejla t-timijiet ta’ taħt it-18-il sena u ta’ taħt it-23 sena se jkunu qed jivjaġġaw lejn Bridlington sabiex jikkompetu fil-kategorija tagħhom.
It-tim ta’ taħt it-23 sena hu mmexxi minn Robert Attard bil-plejers ikunu Daniel Vella, Liam Mifsud, Deacon Formosa, Christian Spiteri, Matthias Debono u Casdy Vella.
Mill-banda l-oħra, it-tim ta’ taħt it-18-il sena se jkun immexxi minn Roderick Tanti li se jkollu miegħu lil Jake Castaldi, Chaylon Castaldi, Nordai Desira, Nick Muscat, Steven Muscat u Denzel Falzon.