Il-bieraħ waqt is-sitt ġurnata tal-Kampjonat Dinji tas-Snooker li qed isiru f’Golem, l-Albanija wara li intemmu l-logħbiet tal-gruppi, filgħaxija, bdiet il-fażi tan-Knock Out fejn Alex Borg ġie eliminat.
Wara li kienu magħrufa s-86 player li kkwalifikaw mill-ewwel round intlagħabu 22 partita bħala round preliminari biex min jirbaħ jikkwalifika mal-aħħar 64. Alex Borg tela’ kontra Nattanapong Chaikul tat-Tajlandja iżda tilef 4-0. Iż-żgħażugħ Tajlandiż ta’ 18 -il sena li fl-ewwel ġurnata, is-Sibt li għadda kien tilef kontra ċ-champion Malti, Aaron Busuttil, kien vena mill-aqwa u ftit ta ċans lil Borg. Din il-fażi sas-semi finali l-logħob kollhu ser jintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames u Chaikul rebaħ bil-punteggi ta’ 50-81; 18-65; 0-75; 25-96 fejn wettaq breaks ta’ 50 punt u 60 punt fl-ewwel u raba’ frames rispettivament.
Dalgħodu Aaron Busuttil fir-round tal-aħħar 64 ser jiltaqa’ kontra l-Ingliż Gary Milne u min jikkwalifika jerġa jilgħab il-lejla fir-round tal-aħħar 32.