Il-Ministeru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, temm konsultazzjoni pubblika bil-għan li jsiru emendi fil-liġi tal-addozzjonijiet lokali.
F’din il-konsultazzjoni huwa laqa’ proposti mingħand il-pubbliku u entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-adozzjonijiet tat-tfal, sabiex jikseb aktar għarfien dwar dan is-suġġett delikat u li joħloq emozzjonijiet diversi.
Il-Konsulenta Legali Daniela Azzoaprdi Bonanno ppreżentat sommarju tal-proposti, fejn fil-maġġoranza tagħhom iduru mal-kunċett u l-bżonn li tingħata aktar stabbilità, permanenza u direzzjoni fil-ħajja tat-tfal.
Fost oħrajn fil-konsultazzjoni pubblika ġie propost li t-tfal ikollhom aċċess għal profil mediku tal-ġenituri bijoloġiċi sabiex b’hekk ikunu jafu l-identità medika tagħhom.
Hija qalet, “Meta għandek minuri li jiġi addottat issir medical profiling tiegħu jew tagħha biex meta jmorru għand speċjalisti, tobba, visti l-isptar ikunu jafu l-identità medika tagħhom u mhux sempliċiment dak li jafu huma.”
Dr Azzopardi Bonanno spjegat ukoll kif kien hemm suġġerimenti kunfliġenti dwar l-għażla tal-kunjomijiet tat-tfal adottivi.
Hija sostniet: “Kien hemm min qabel u enfasizza li tkun l-għażla tal-minuri ovvjament b’sapport mingħand professjonisti li jagħżel bħala minuri jekk iridx iżomm il-kunjom tal-familja bijoloġika għaliex ovvjament ikollu kwistjoni ta’ identità u jkunu jafuh sa dak il-punt f’ħajtu b’dak il-kunjom li jkunu jafuh.”
Minn aspett ieħor kien hemm min sostna li meta jkun hemm addozzjoni, it-tfal jiġu parti mill-familja adottiva tagħhom u b’hekk jieħdu l-kunjom tal-familja.
Issa ser ikun qed jiskatta proċess ta’ konsultazzjoni ieħor legali li jieħu s-suġġerimenti ta’ tfal f’kura adottiva.
B’hekk ikomplu jsiru passi favur aktar kuxjenza tal-addozzjoni lokali.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Hemm tfal hemm barra u li huma fis-soċjetà tagħna li jistgħu jiġu addotatti. L-addozzjonijiet lokali f’pajjiżna huma numru relattivament żgħir u meta wieħed iqis li għandek madwar 350 tifel u tifla li mhumiex fid-dar naturali tagħhom għaliex m’għandniex niffaċilitaw li dawk ukoll suġġetti li jkunu jistgħu jiġu addottati f’pajjiżna stess.”