B’investiment ta’ €8,000,000 miexi sew ix-xogħol fuq il-bini ta’ indoor pool ta’ daqs Olimpiku fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Dan il-proġett imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista se jkun opportunità biex l-isport tal-għawm f’pajjiżna jkompli jieħu spinta ‘l quddiem.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima segwa mill-qrib it-twaqqigħ strutturi li se jagħmlu wisa’ għal dan il-proġett.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar spjega li l-proġett qed isir fi tliet fażijiet, bit-tielet fażi mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin bil-bini tal-pixxina.
Qal li l-pixxina se tkun mifruxa fuq medda ta’ 5,000 metru kwadru, b’saqaf tal-injam ta’ 44 metru u mdawwar bil-ħġieġ. Il-pixxina se jkollha fond ta’ aktar minn żewġ metri, skont rekwiżiti tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm.
Qal li l-unika pixxina ta’ daqs olimpiku f’Malta hi dik f’Tal-Qroqq u mhux tlaħħaq mad-domanda.
Mark Cutajar, il-Kap Eżekuttiv Sportmalta qal: “Din il-pixxina għandha livell teknolġiku għolji. Se tkun waħda mill-aqwa fil-Mediterran u se tkun ikkumplimentata b’padiljun li jesa’ madwar 1,400 ruħ. Se tkun ta’ attrazzjoni għal dawk il-klabbs barranin li se jużaw din il-pixxina”.
Is-Sur Cutajar spjega li l-materjal li qed jinġema’ mit-twaqqigħ se jiġi rriċiklat. Qal li l-pixxina se tagħti nifs ġdid lill-Kottonera grazzi għal adventure park.
Huwa kompla billi qal: “Għandha ħafna klabbs min-naħa tas-South li se jnaqqsu d-distanzi ta’ vjaġġar. Barra minn hekk, il-pixxina għandha wkoll il-fond tagħha adjustable, allura se nħarrġu aktar coaches, u se jkollna post għal aktar parent-child programmes biex inħeġġu aktar tfal u żgħażagħ jużaw l-isport akkwatiku bħala mezz ta’ suċċess jew attività fiżika”.
Waqt li fakkar li Malta se tospita l-logħob għall-pajjiżi ż-żgħar fi ftit snin, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega li l-pixxina se tikkumplimenta l-iStrateġija Nazzjonali għall-iSport.
Huwa qal: “Dan mhux proġett b’mod iżolat, qed naraw proġetti oħra li jikkumplimentaw dawn il-pools ta’ pajjiżna. Qed naħdmu ma’ diversi klabbs tal-waterpolo biex ikollna diversi pixxini madwar il-pajjiż, li se jkunu qed jikkumplimentaw dak li naraw aħna bħala l-viżjoni għall-isport akkwatiku”.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, qal li b’dan il-proġett SportMalta se jkollha wieħed mill-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran, u bil-faċilitajiet li se toffri, il-programmi li tfassal SportMalta se jkomplu jikbru u jiżviluppaw f’aktar opportunitajiet.
Il-pixxina mistennija titlesta f’Diċembru tal-2020.