Għadu kif spiċċa l-ħin li matulu, wieħed seta’ joħroġ jivvota għall-elezzjonijiet li qed isiru llum, is-Sibt tmienja ta’ Ġunju, biex il-poplu jeleġġi l-persuni li se jirrappreżentawh fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali.
Il-votazzjoni fetħet fis-sebgħa ta’ dalgħodu u għalqet ftit tal-ħin ilu, fl-għaxra tal-lejla.
Fl-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew, pajjiżna jrid jeleġġi sitt rappreżentanti tal-poplu Malti u Għawdxi f’din l-istituzzjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.
Min-naħa l-oħra, kull lokalità f’Malta u Għawdex ivvotat biex taħtar lill-amministraturi tagħha fil-Kunsilli Lokali.
Tul dan il-ħin kollu tal-votazzjoni, dan l-istazzjon aġġornakom b’mod kontinwu bl-andament tal-votazzjoni minn diversi lokalitajiet, waqt li issa daqt tibda fażi oħra fil-proċess elettorali.