Gordon Mifsud temm il-presidenza tiegħu fi ħdan il-Hockey Association of Malta wara sitt snin fil-kariga.
Dan ħabbru l-istess Mifsud f’messaġġ fuq il-profil soċjali tal-HAM fejn qal li temm b’suċċess dan iż-żmien fejn fih ra tibdil konsiderevoli f’dan l-isport.
Tul is-sitt snin ta’ presidenza, Mifsud saħħaħ l-istruttura tal-kumitat eżekuttiv, żamm il-konsistenza fil-kompetizzjoni organizzati u żdiedu r-relazzjonijiet internazzjonali ma’ diversi entitajiet f’dan l-isport.
Mifsud għandu 67 sena u fil-passat lagħab bħala plejer tal-hockey ma’ Paceville, University u White Hart. Hu għadu attiv fil-livell tal-Masters fejn kompla jagħti sehmu bħala plejer veteran.
Fi stqarrija, il-Hockey Association of Malta irringrazzjat lil Mifsud tas-sitt snin ferm intensivi li kellu u li fihom il-hockey lokali kompla jiżviluppa dejjem aktar.
Fil-jiem li ġejjin, il-membri fi ħdan din l-assoċjazzjoni għandhom jagħżlu president ġdid.