Intemmet il-konsultazzjoni pubblika fuq il-White Paper dwar l-Att Ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, li kienet ilha għaddejja minn April.
Il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-għan tal-Gvern huwa li jkollna liġi li tiffaċilita li f’pajjiżna tkompli tissaħħaħ il-kultura favur is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Ma’ ONE News, huwa spjega l-pass li jmiss.
“Nibdew diskussjoni biex naraw kif insaħħu din l-Awtorità, kif ukoll ikollha aktar għodod ta’ infurzar aktar effiċjenti u aktar effettiv. Din il-white paper wasslet biex jiġu milqugħa suġġetti, osservazzjonijiet, u minn issa ’l quddiem tibda l-evalwazzjoni ta’ dawk l-affarijiet li ġew ippreżentati mingħand dawk kollha li dehrilhom li għandhom jagħmlu dawk is-sottomissjonijiet u jibda l-proċess ta’ tfassil ta’ liġi ġdida.”
Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, wara din il-konsultazzjoni, tittieħed nota ta’ dawk l-affarijiet li ġew sottomessi biex dawn l-opinjonijiet jifformulaw il-liġi l-ġdida.
“Aħna l-idea tagħna hija li jkollna liġi li tkun aktar aġġornata, imma li fuq kollox tkun liġi li tirrappreżenta l-kunsens l-aktar wiesa’ fost is-sħab soċjali kollha, li wara kollox huma dawk kollha involuti fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna.”
Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi