“Nhar is-Sibt li ġej għandna nivvotaw favur Malta u favur iż-żgħażagħ u nassiguraw is-saħħa lill-Maltin u lill-Għawdxin”, hekk temmet tgħid mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, waqt li kienet qed tindirizza l-aħħar attività tal-kampanja ‘Start’, organizzata minn Żgħażagħ Laburisti.
Dr Abela semmiet l-għadd ta’ miżuri li daħħal Gvern Laburista fl-aħħar snin u li kienu ntiżi speċifikament għaż-żgħażagħ, fosthom iż-żieda fl-istipendji, l-elf ewro fis-sena għal dawk li saru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba, tnaqqis fit-taxxa fuq l-ewwel residenza, aktar opportunitajiet għal xogħlijiet ta’ kwalità, eżamijiet bla ħlas, sa elf u ħames mitt ewro għal dawk il-familji li t-tfal tagħhom jibqgħu jistudjaw wara l-età obbligatorja u l-Vot 16, fost oħrajn.
Dr Abela tenniet kif, waqt li jkunu qed jimlew il-polza tal-vot tagħhom, iż-żgħażagħ għandhom iżommu dawn il-miżuri f’moħħhom u jagħtu l-ġudizzju tagħhom.
Mart il-Prim Ministru qalet kif iż-żgħażagħ kienu u għandhom jibqgħu jkunu l-forza tal-bidla.
Sadanittant din l-attività ġiet indirizzata mill-President taż-Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, li tenna li l-enerġija, il-lealtà u d-determinazzjoni, flimkien mal-progress, kienu wħud mill-valuri li mexxew ’il quddiem il-kandidati żgħażagħ tal-Partit Laburista.
Qal, “Jiena inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom fit-8 ta’ Ġunju. Hi importanti biex insemmu leħinna u nagħmlu l-għażla, allura ma nibqgħux id-dar, imma noħorġu nivvotaw b’għaqal lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.”