Udjenza inkredibbli li tlaħħaq il-21,000 persuna attendiet bi ħġarha għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ŻiguŻajg: il-Festival Internazzjonali għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, qabel ma waslet fi tmiemha nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru. F’għeluq id-disa’ sena tiegħu, f’din l-edizzjoni l-Festival kompla jissoda r-reputazzjoni li għandu bħala l-festival ewlieni tax-xorta tiegħu fir-reġjun u ssokta jibni fuq il-popolarità dejjiema tiegħu ma’ udjenzi ta’ kull età.
Il-programm mifrux fuq għaxart ijiem ressaq flimkien ‘il fuq minn 130 artist minn 11-il pajjiż, fosthom Malta. Ir-repertorju kien jikkonsisti f’21 proġett, b’ħames inizjattivi kkummissjonati u kollaborazzjonijiet ma’ sitta mill-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi (PCOs) ewlenin ta’ Malta. Kollox ma’ kollox, dan wassal għal total ta’ 112-il spettaklu, seba’ wirjiet ta’ films, u 19-il workshop mifruxa fi 12-il post differenti, b’disa’ forom ta’ arti kreattiva li offrew lill-parteċipanti firxa stupenda ta’ spettakli minn fejn wieħed seta’ jagħżel.
Mill-21,000 ruħ li attendew il-Festival, 8,500 kienu studenti minn 45 skola minn madwar il-gżejjer Maltin. Dan kien jorbot bis-sħiħ mal-għan tal-Festival li jintroduċi t-tfal għad-dinja meraviljuża tal-arti sa minn etajiet bikrin, waqt li fl-istess ħin jittratta numru ta’ temi kemm kurrenti kif ukoll relevanti għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Barra minn hekk, ŻiguŻajg 2019 kompla jtejjeb ir-reputazzjoni li bena tul is-snin fuq livell internazzjonali, billi ppreżenta żewġ programmi għad-delegati u laqa’ 30 delegat internazzjonali filwaqt li saħħaħ ir-rabta tiegħu ma’ networks stabbiliti bħal ASSITEJ, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Teatru għat-Tfal u ż-Żgħażagħ; IETM, network internazzjonali għall-arti performattiva kontemporanja; u EFFE, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Festivals.
Waqt li esprima sodisfazzjon sħiħ bl-eżitu tal-Festival, Daniel Azzopardi, Direttur tal-Festival ŻiguŻajg li wasal fit-tmiem tal-kariga tiegħu, qal li: “għal darb’oħra din l-edizzjoni ta’ ŻiguŻajg sebqet kull aspettattiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità u d-diversità tal-programm, l-outreach u l-inizjattivi għall-involviment sħiħ tal-komunità, in-numru kbir ta’ artisti involuti, il-timijiet tekniċi u loġistiċi ħabrieka immens, l-istaff amministrattiv u n-numru kbir ta’ assistenti fil-postijiet fejn saru l-attivitajiet; u naturalment il-parteċipazzjoni numeruża mill-iskejjel u l-pubbliku ġenerali. Issa ngħaddi t-tmexxija tal-Festival ŻiguŻajg f’idejn is-suċċessur tiegħi, u fl-istess ħin jingħata bidu għat-tħejjijiet għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla.”