Aktar minn 2,000 persuna minn għaqdiet, organizzazzjonijiet u entitajiet sportivi attendew is-serata Be Active li ttellgħet is-Sibt minn SportMalta fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
L-għan ewlieni ta’ din l-attivita’ kien biex jintlaħaq il-messaġġ li l-attività fiżika għandha tkun inkorporata fil-ħajja ta’ kull individwu.
Dawk li attendew għal din is-serata ħadu sehem f’diversi attivitajiet li kienu mmirati għall-familja kollha.
Fost oħrajn kien hemm il-logħob ta’ snooker, żfin, zumba, attivitajiet ta’ mixi li saru madwar il-Kottonera, table tennis, kapoeira, football u logħob tal-boċċi, fost oħrajn.
Andre Decelis, iċ-Chairman ta’ SportMalta qal li din l-entità minn dejjem kellha l-għan li tippromovi l-attività fiżika, li fil-fatt, għandha tiġi pprattikata minn kull indivdwu.
Qal, ‘L-għanijiet prinċipali ta’ Sport Malta huwa li nippromwovu l-attività fiżika u l-isport fi tfal, żgħażagħ, nies ta’ kull età f’settings differenti, fl-iskola, barra mill-iskola, fil-komunità fuq il-post tax-xogħol u kullimkien.’
F’dawn l-attivitajiet ħa sehem ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Preżenti kien hemm ukoll l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Huwa stqarr, ‘Ġewwa pajjiżna għandna diversi dixxiplini sportivi. Eluf ta’ parteċipanti u allura l-missjoni ta’ Sport Malta, dik li propja naraw attività fiżika ġewwa l-pajjiż u iva nressqu aktar tfal u żgħażagħ lejn id-dixxiplini sportivi.’
Din l-attività hija parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li qed issir bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru.