Intemmet b’suċċess ir-raba’ edizzjoni ta’ Rigal bi Mħabba.
L-attività xprunata minn inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae laħqet il-qofol tagħha ftit tal-ħin ilu hekk kif Pjazza Kastilja, partikolarment taħt is-siġra tal-Milied, kienet miżgħuda b’rigali ta’ kull daqs u kulur.
Rigali li waslu b’kontribut qawwi mill-poplu Malti li għal sena oħra kkontribwixxa bil-kbir favur din l-inizjattiva nobbli sa mit-tnax ta’ Diċembru.
Issa dawn ir-rigali se jkunu qed jinġabru mill-forzi tal-ordni f’pajjiżna sabiex ikunu jistgħu jitqassmu lil tfal inqas ixxurtjati biex huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu l-ispirtu festiv li joffri dan iż-żmien tas-sena.
Fi tmiem din l-attività, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela sostniet li din l-edizzjoni kibret mis-snin preċedenti, hekk kif din l-attivita marret fil-komunita. Lydia Abela spjegat għaliex hija speċjali din l-attivita.
“Din l-inizjattiva hija għal qalbi ħafna, mhux biss minħabba r-rigali li nirċievu, imma għaliex dawk ir-rigali li intom poġġejtu taħt is-siġra tal-Milied ifissru ħafna. Nieħu pjaċir u nieħu sodisfazzjon kbir meta nirċievi telefonata mingħand omm jew missier, jgħiduli grazzi, kemm ferħet it-tifel jew it-tifla meta rċivew ir-rigal u kellhom l-opportunità li bħal tfal oħrajn iħossu l-ferħ ġewwa qalbhom meta rċivew ir-rigal u jien ngħidilhom grazzi, mhux lili, imma grazzi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu talli ħasbu f’ħaddieħor u taw ir-rigali.”
Lydia Abela – mart il-Prim Ministru
Dr Abela qalet li għat-tieni sena konsekuttiva twettqet il-ħolma taż-żagħżugħ Jake Vella, fejn qed jinġabar ikel għall-annimali taħt siġra tal-Milied, fl-Isptar Mater Dei.
Lydia Abela spjegat li r-rigali kollha jittieħdu lejn Dar il-Mediterran u dawn ir-rigali jitqassmu u jingħataw qabel Jum il-Milied, biex f’dan il-Milied it-tfal kollha jkollhom rigal.
Hija rringrazzjat lill-poplu Malti li tul l-edizzjoni wera l-ġenerożita tiegħu.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal kif din l-attivita tgħaqqad flimkien lill-korpi dixxiplinati hekk kif ir-rigali li nġabru jitqassmu lit-tfal madwar Malta u Għawdex.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, li tennew irringrazzjament tagħhom biex inġabru dan l-ammont sabiħ ta’ rigali.