Intemmet b’suċċess il-ħames edizzjoni ta’ ‘Rigal bi Mħabba.’
F’inqas minn ġimgħatejn inġabru mijiet ta’ rigali, li jfisser li għal darb’oħra l-qalb ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin se tpoġġi tbissima fuq wiċċ bosta tfal li, minħabba raġuni jew oħra, il-ġenituri tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom ma setgħux jixtrulhom rigali.
L-attività xprunata minn inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae laħqet il-qofol tagħha fi Pjazza Kastilja, partikolarment taħt is-siġra tal-Milied, hekk kif kienet miżgħuda b’rigali ta’ kull daqs u kulur.
Dr Lydia Abela mmarkat it-tmiem ta’ din l-inizjattiva fi Pjazza Kastilja u ħdejn is-siġra li taħtha tpoġġew mijiet ta’ rigali, Lydia Abela rringrazzjat lill-familji u lin-negozji tar-rigali li taw lil persuna li ma jafux iżda li bih se jferrħu lil bosta.
“Inħeġġeġ lil dawk kollha li għadhom ma ġewx ipoġġu rigal u jpoġġu rigal bi mħabba. Bi mħabba għaliex qed nagħtu rigal mingħajr ma nafu lil min se nagħtuh u mingħajr ma nistennew xejn lura. Grazzi mill-ġdid lil dawk kollha li pparteċipaw u grazzi lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru
Aaron Zahra, responsabbli mill-attivitajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, spjega li issa dawn ir-rigali se jkunu qed jinġabru mill-forzi tal-ordni f’pajjiżna sabiex ikunu jistgħu jitqassmu lil tfal biex huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu l-ispirtu festiv li joffri dan iż-żmien tas-sena.
“Dawn ir-rigali permezz tal-forzi tal-ordni kellha kemm huma, li rrid nirringrazzjahom tal-kooperazzjoni sħiħa li sibna min-naħa tagħhom, jidħlu fil-vetturi l-kbar tagħhom hawnhekk fi Pjazza Kastilja u jibda l-proċess biex dawn ir-rigali li hawn warajna jsibu posthom ġo Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Nixtieq nirringrazzjahom għaxliex kieku ma jkollniex post daqstant kbir kieku ma jiġux sorted kif suppost. Minn għada jibdew jifirħu eluf u mijiet ta’ tfal li ma kienx possibbli jirċievu rigal tal-Milied imma permezz ta’ din l-inizjattiva inferħu t-tfal ġewwa d-djar tagħhom.”
Aaron Zahra – responsabbli mill-attivitajiet fl-uffiċċju tal-PM