F’attività marbuta mal-bandiera l-blu fil-bajja pittoreska ta’ Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex, intelqet fekruna bl-isem ta’ Jenna li ġiet salvata meta nqabdet fil-ħbula tas-sajd f’Marsalforn.
Permezz tal-għaqda Nature Trust il-fekruna ngħatat il-kura u tfejqet mill-ġrieħi li kellha sabiex issa reġgħet marret lura fl-ambjent naturali tagħha, fil-baħar.
F’din l-istess attività, li għaliha kienn hem preżenti diversi studenti, il-Ministru Clint Camilleri ħabbar li l-bajd tal-fekruna li hemm bħalissa fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra fix-Xagħra Għawdex, mistenni jfaqqas lejn l-aħħar ta’ Lulju.
Huwa qal: “Inizjattivi bħal dawn huma ta’ importanza kbira speċjalment meta tara lit-tfal u lill-istudenti tagħna involuti fi proġetti bħal dawn għaliex dawn huma l-preżent u l-futur tagħna u huma dawk li jridu jigwidawna favur il-ħidma ambjentali ta’ dan il-pajjiż.”
Camilleri esprima s-sodisfazzjon li f’Għawdex hemm tliet bajjiet bil-bandiera blu, li jfisser li huma nodfa.
Dawn huma ta’ Marsalforn, tar-Ramla u Ħondoq ir-Rummien.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia li saħaq dwar l-importanza li nipproteġu l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-gżejjer tagħna u l-importanza li t-tfal ikollhom rwol attiv fis-salvagwardja tal-ambjent għaliex huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.
Huwa sostna: “Aħna bħala ministeru u entitajiet tal-ambjent u oħrajn nistgħu naħdmu ħafna anke fejn jidħol il-policy imma fl-aħħar mill-aħħar irridu lilhom li jissalvagwardjaw u jipproteġu l-bijodiversità u l-ambjent u n-natura ta’ madwarna.”