Prosekuraturi Franċiżi talbu sentenza ta’ seba’ snin ħabs u multa ta’ €300,000 fil-konfront tal-eks President Nicolas Sarkozy f’każ li jmur lura għall-kampanja presidenzjali tal-2007 u li fih qed jiġi allegat li kien aċċetta finanzjament mingħand il-gvern tal-eks mexxej Libjan Muammar Gaddafi.
Barra minn hekk qed ifittxu devjat ta’ 5 snin fuq id-drittijiet ċiviki, ċivili u familjari tiegħu li jfisser li ma jkunx jista’ jikkontesta elezzjoni jew iservi fi kwalunkwe rwol pubbliku ġudizzjali.
Il-każ, li beda jinstema’ f’Jannar, mistenni li jkun konkluż fl-10 t’April, u qed ikun ikkunsidrat bħala l-aktar skandlu serju mill-ħafna li jinvolvu lil Sarkozy.
Sarkozy, li għandu 70 sena u serva bħala President ta’ Franza bejn l-2007 u l-2012, qed jiffaċċja diversi atti ta’ akkużi ta’ korruzzjoni passiva, finanzjament illegali waqt il-kampanja elettorali, ħabi ta’ abbuż ta’ fondi pubbliċi u assoċjazzjoni kriminali.
Huwa ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih.
L-allegazzjonijiet imorru lura għall-2011, meta aġenzija tal-midja Libjana u Gaddafi nnifsu kienu qalu li l-Libja kienet segretament ippumpjat miljuni ta’ ewro fil-kampanja elettorali ta’ Sarkozy fl-2007.
Fl-2012, il-kumpanija investigattiva Franċiża Mediapart, ippubblikat memorandum tal-Intelliġenza Libjana li kien jirreferi għall-ftehim ta’ €50 miljun f’finanzjament. Sarkozy kien qal li d-dokument kien falz u fetaħ kawża għad-danni fil-konfront tiegħu. Iżda l-Qorti Franċiża kienet iddikjarat li d-dokument deher li kien awtentiku għalkemm ma kien hemm l-ebda evidenza li tindika li filfatt it-transazzjoni kienet twettqet.
Sarkozy dejjem qal li l-allegazzjonijiet tal-Libja kienu politikament motivati u bbażati fuq evidenza ffalsifikata.
Jekk jinstab ħati ikun l-ewwel eks President Franċiż misjub ħati li aċċetta fondi illegali internazzjonali biex jirbaħ elezzjoni.
Il-verdett huwa mistenni li jingħata aktar tard din is-sena.