L-Investigatur ewlieni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tela’ fuq il-pedana tax-xhieda hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Fil-bidu tas-seduta il-Qorti ddeċidiet li x-xhieda tinstema’ wara bibien magħluqa. Dan wara t-talba mid-difiża biex dak li l-akkużat Yorgen Fenech qal lil Arnaud b’mod informali waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija ma jinstemax fil-miftuħ. Dan hekk kif stqarret li r-rapportaġġ dettaljat tax-xhieda qed jippreġudika l-każ meta ġurija mill-pubbliku ser jintalbu jiġġudikaw lill-akkużat.
Intant, f’digriet mogħti l-Erbgħa mill-istess Maġistrat, ġiet irrifjutata t-talba sabiex tkun prodotta d-data ta’ telekomunikazzjoni miġbura mill-pulizija fl-investigazzjonijiet. Dan hekk kif il-Qorti qalet li għalkemm il-pulizija tkun ġabret ħafna informazzjoni, dan ma jfissirx li din kollha kemm hi tkun evidenza kontra l-akkużat.
F’digriet ieħor il-Qorti rrifjutat it-talba li Yorgen Fenech jingħata linja telefonika bla ebda moniteraġġ sabiex jikkomunika mal-avukati tiegħu.