“Nemmnu li dawn huma vaganzi misruqa lill-haddiema, u jridu jingħataw lura. Ilna żmien ngħiduha u issa wara li semmejniha f’kull baġit u f’kull elezzjoni kuntenti li qed naraw il-possibiltà li dawn jingħataw lura. Illum qed nilqgħu b’sodisfazzjoni li għandna Gvern li sema’ l-karba tal-ħaddiema u se jingħataw lura lill-ħaddiema.”
Dawn kienu l-ewwel reazzjonijiet ta’ żewġ trade unions Maltin li ilhom mill-elfejn u ħamsa f’karba biex il-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-Ġimgħa jingħataw lura lill-ħaddiema billi jiżdiedu mal-leave.
Issa, it-talba tagħhom instemgħet wara li l-Partit Laburista ppropna propju fl-ewwel ħames prijoritajiet jekk il-Poplu jerġa jtih il-fiduċja fit-tlieta ta’ Ġunju.
Is-sentiment mill-General Workers’ Union u l-Forum Unions Maltin kien komuni: dan kien dritt li fl-elfejn u ħamsa insteraq mill-ħaddiema meta ma sarx l-hekk imsejjaħ Patt Soċjali minn Gvern Nazzjonalista.
Għal tnax-il sena sħaħ dawn qatt ma waqfu jipproponu li s-sistema tal-festi pubbliċi terġa tiġi fis-seħħ.
Iżda, fi kliem Kevin Camillleri, Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, amministrazzjonijiet preċedenti qatt ma taw widen.