Matthew Caruana Galizia, wieħed mit-tliet ulied tal-blogger Daphne Caruana Galizia, xehed għall-ewwel darba fil-Qorti fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati mixlija bil-qtil ta’ ommu b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.
Fix-xhieda tiegħu bl-Ingliż, Caruana Galizia qal li lejlet il-qtil ta’ ommu, huwa ħalla l-karozza barra mill-grada tad-dar tagħhom fil-Bidnija. Huwa kkonferma wkoll li kien hu l-aħħar persuna li għamel użu mill-karozza, ġurnata qabel l-isplużjoni.
L-aħwa Alfred u George Degorgio, magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż, flimkien ma’ Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Is-seduta kienet karatterizzata wkoll minn mumenti ta’ kommossjoni mill-qraba ta’ Caruana Galiza, wara li l-Avukat difensur Martin Fenech staqsa lil Caruana Galizia jgħid għala ħalla l-karozza ta’ ommu barra.
Meta kien fuq il-pedana tax-xhieda, huwa rrakonta dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, fosthom kif għadda n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu jaħdem ma’ ommu fuq l-istess skrivanija. Xehed li ftit qabel it-tlieta ta’ wara nofsinnhar sema’ l-karozza ta’ ommu tistartja, il-mużika ħierġa mill-karozza u ftit wara l-isplużjoni.
Kien hawn li ħareġ barra u mexa lejn ix-xena tar-reat ftit ’l isfel mid-dar fejn ra biċċiet ta’ ħġieġ, plastik u laħam, u l-karozza li kienet donnha ballun tan-nar. Huwa qal li ntebaħ li kienet il-karozza ta’ ommu mir-roti u l-pjanċa. Qal li kien hawn li ra s-sieq ta’ ommu fl-għalqa.
Għad-domanda tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, Matthew Caruana Galizia qal li l-karozza li fiha nqatlet ommu, bdiet tużaha biss ix-xahar ta’ qabel.
Għal kontro-eżami tad-difiża, Matthew Caruana Galizia qal li ma kien jaf bl-ebda theddid fuq il-ħajja ta’ ommu. Huwa kkonferma wkoll li ma jafx x’ġara bil-laptop ta’ ommu ħlief li xi rappreżentanti tal-familja għaddewh lill-Pulizija Ġermaniża.