ONE News jinsab infurmat li t-tarbija li sfat abbandunata fi Triq il-Pijunieri f’Buġibba kienet għadha bil-kurdun u hija tas-sess maskili hija tal-karnaġġjon abjad.
Il-sejba saret għall-ħabta tal-16:30 tal-Ġimgħa warnofsinhar. Immedjatament fuq il-post marru l-pulizija mill-għassa tal-Qawra flimkien ma’ ambulanza b’infermier li ħadu lit-tarbija l-isptar għall-kura.
Bħalissa l-Pulizija għad m’ghandha l-ebda informazzjoni dwar omm it-tarbija u l-investigazzjonijiet mhux se jkunu faċli hekk kif fiż-żona li nstabet it-tarbija ma hemm l-ebda cameras tas-sigurta u sa issa ma ppreżentaw l-ebda xhieda.
Il-Pulizija elevat xi ħwejjeġ u lożor li nstabu mgeżwrin mat-tarbija sabiex tara tistax tikseb xi forma ta’ evidenza ta’ DNA jew marki tas-swaba.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud fejn qabbad lill espert mediku Dr Mario Scerri sabiex jassistih.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.