Studju xjentifiku fl-Amerka sab li nisa li jużaw prodotti kimiċi biex jagħmlu xagħarhom lixx huma f’riskju ogħla għall-kanċer tal-utru, meta mqabbla ma’ nisa li ma rrappurtawx li jużaw dawn il-prodotti.
Skont studju ġdid Amerikan mill-Istituti Nazzjonali tas-Saħħa, m’hemm ebda assoċjazzjoni bejn il-kanċer tal-utru u prodotti oħra tax-xagħar li n-nisa rrappurtaw li użaw, inklużi żebgħa tax-xagħar, bleach, highlights u perms.
L-istudju inkluda 33,497 mara mill-Istati Uniti ta’ bejn 35 u 74 sena u kien mmexxi mill-Istitut Nazzjonali tax-Xjenzi tas-Saħħa Ambjentali (NIEHS), li jfittex li jidentifika fatturi ta’ riskju għall-kanċer tas-sider u kundizzjonijiet oħra tas-saħħa.
In-nisa ġew osservati għal kważi 11-il sena u matul dak iż-żmien ġew misjuba 378 każ ta’ kanċer fl-utru.
Ir-riċerkaturi sabu li n-nisa li rrappurtaw użu frekwenti ta’ prodotti li jagħmlu x-xagħar lixx kellhom probabbiltà aktar mid-doppju ta’ nisa oħra li jiżviluppaw kanċer tal-utru. Użu frekwenti ġie definit bħala aktar minn erba’ darbiet fis-sena.
Filwaqt li hu stmat li 1.64% tan-nisa li qatt ma użaw kimika li tillixxa x-xagħar jiżviluppaw kanċer fl-utru sa l-età ta’ 70 sena; għal dawk li jillixxjaw spiss ir-riskju jitla’ għal 4.05%.
Fl-istudju jingħad li din ir-rata hija ta’ tħassib, iżda huwa importanti li din l-informazzjoni titpoġġa fil-kuntest – li l-kanċer tal-utru huwa tip ta’ kanċer relattivament rari.