Fi stqarrija l-Bank of Valletta ħabbret li l-pittura ta’ żmien il-Kavallieri ġiet ikkonfermata bħala Nettunu bit-Trident wara sejba li saret wara arkata mblukkata fil-Gran Salon fi ħdan il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.
Il-pittura tmur lura għas-seklu 17 jew bidu tas-seklu 18. Nettunu huwa l-Alla Ruman tal-baħar u fil-pittura skoperta qed jidher jżomm it-trident famuż tiegħu. Huwa qiegħed bilqiegħda f’nofs arzella kbira, b’idu x-xellugija fuq ġarra tnixxi l-ilma filwaqt li jżomm it-tident f’idu l-leminija. . Nettuno huwa mpinġi b’kulur aħdar possibilment biex jimita l-istatwi tal-bronż. Bħala parti mill-iskema dekorattiva hemm ukoll xi karatteristiċi arkitettoniċi kif ukoll diversi arzell u ħut oħra.
Il-pittura ġiet skoperta fl-2021 waqt proġett ta’ konservazzjoni estensiv li għaddej fil-Gran Salon li beda fl-2017 permezz ta’ sħubija bejn il-Bank of Valletta u Heritage Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, u ċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius, żaru l-Gran Salon biex jaraw din is-sejba u ġew milqugħa mis-COO ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, u t-tim tal-konservazzjoni li tawhom aġġornament dwar il-proċess ta’ konservazzjoni.