Il-Pulizija kkonfermat li nstabet Natalie Williams ta’ 46 sena li fis-27 ta’ Ottubru kienet irrapportata nieqsa.
Hi nstabet mill-Pulizija fl-inħawi tar-Rinella fil-Kalkara fejn rapport fuq it-TVM jgħid li hi allegatament instabet maqfula taħt l-art mitlufa minn sensiha wara li allegatament qafilha hemm żewġha stess.
L-istess rapport jgħid li kien għall-ħabta tat-20:00 tal-lejla li l-RIU waslitilhom telefonata li kien hemm argument f’Triq is-Salvatur fil-Kalkara. Meta waslu fuq il-post jidher li qraba ta’ Natalie kienu nvoluti f’argument ma’ żewġha, li hu ta’ nazzjonalita’ barranija, fejn kien proprju dak il-ħin li ammetta li kien qed iżommha maqfula taħt l-art.
Hi nstabet mitlufa minn sensiha wara li r-raġel tagħha allegatament ħa lill-Pulizija fuq il-post. Hi ttieħdet l-isptar Mater Dei biex tirċievi l-kura neċessarja.
Ir-raġel tagħha qed jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.