Waqt li kienu qed isiru x-xogħlijiet fil-Menqa f’Marsalforn instabet milestone ta’ żmien l-Ingliżi waqt li kien qiegħed isir it-tħaffir f’din iż-żona.
Din il-milestone li għandha madwar 150 sena se tiġi inkorporata bħala parti mill-proġett tal-Menqa, li x-xogħlijiet fuqu jinsabu fi stadju avvanzat u se jitlesta ftit tal-ġimgħat oħra.
Il-President ta’ Wirt Għawdex Giovanni Zammit qal li l-Ingliżi introduċew din is-sistema ta’ milestones f’Malta li saru karatteristika magħrufa u li normalment kienu jkunu magħmulin minn żonqor iebes. Huwa spjega li fuqhom kienu jnaqqxu d-distanza minn u lejn post partikolari, iżda matul it-tieni gwerra dinjija ħassru ħafna mid-distanzi mnaqqxin minħabba l-biża’ ta’ xi invażjoni. It-tneħħija tad-distanza u tad-destinazzjonijiet minn fuq dawn il-milestones kienet tassigura li l-għadu ma jkunx mgħejjun waqt attakk.
Il-President ta’ Wirt Għawdex ta ħajr lill-kuntratturi li ma baqgħux għaddejin bix-xogħol meta ntebħu b’din is-sejba.
Il-President ta’ Wirt Għawdex, is-Sur Giovanni Zammit spjega: “Din instabet midfuna ġo triq. Għarfu l-importanza tagħha u ġabruha fil-ġenb biex tiġi mwaħħla fejn kienet qabel jew almenu fil-qrib fejn kienet qabel.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li filwaqt li l-infrastruttura hija prijorità, daqstant ieħor hu l-wirt kulturali u arkeoloġiku u għalhekk għandu jkun assigurat li sejbiet bħal dawn ikunu priservati.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Waqt propju l-iskavar tat-triq sibna din il-milestone. Irrid nirringrazzja l-ewwel nett lill-kuntratturi, lill-project managers li kienu qegħdin jieħdu ħsieb din l-area u propju għarfu l-importanza ta’ dan, parti mill-istorja tagħna li kienet mirduma taħt it-triq.”