Lourdes Agius, omm ta’ sebat itfal minn Raħal Ġdid, instabet maqtula fuq is-sodda tal-appartament li kienet qed tgħix fih qrib il-Gymnasia fi Triq F. Tortell f’Raħal Ġdid.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li mill-awtopsja li saret matul il-jum irriżulta li l-mara mietet fgata.
Il-Pulizija arrestat immedjatament lis-sieħeb tagħha, Michael Emanuel ta’ 25 sena mill-Kosta tal-Ivorju, u qed tqisu bħala s-suspettat ewlieni bil-qtil ta’ omm it-tliet uliedu li kienu għadhom f’ħalib ommhom fi sninhom.
Filwaqt li għall-bidu deher li l-mara mietet b’kawża naturali għax ma dehrux sinjali ta’ vjolenza fuq ġisimha, aktar tard mill-awtopsja rriżulta li l-omm kellha marki fuq għonqha u daharha mbenġel.
Lourdes Agius instabet mejta minn ommha għall-ħabta tas-sebgħa tas-Sibt filgħodu wara li qalbha ħebritha li kien inqalgħalha xi ħaġa.Ġirien li tkellmu ma’ ONE News li kien minn tal-ewwel fuq ix-xena tad-delitt qalu li s-skiet ta’ filgħodu nkiser bl-għajjat tal-omm li ħarġet tgħajjat li qatlulha lil bintha.
Qalu li din ma kinitx l-ewwel darba li spiċċaw bil-Pulizija fit-triq tagħhom minħabba storja twila ta’ vjolenza domestika bejn il-koppja.
Il-Pulizija ġew informati bil-każ għall-ħabta tas-sebgħa u meta marru fuq il-post, sabu lis-sieħeb tagħha li għal darba darbtejn insista li kien hu li sabha bla ħajja u li pprova jqajjimha iżda kien kollu għalxejn. Huma sabuh fl-appartament iżomm tarbija ta’ tliet xhur.
Fil-ħin li l-Pulizija kienu fuq il-post, ir-raġel deher kalm iħares fil-vojt bit-tarbija f’idu bilqiegħda fuq it-taraġ.
Huwa ġie arrestat u ttieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li l-mara kienet għamlet sensiela ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika fil-passat – bl-aktar wieħed riċenti sar jumejn ilu minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-manteniment tat-tliet uliedhom.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti kkonferma ma’ ONE News li t-tifel ta’ tliet xhur li kellu f’idu s-sieħeb ta’ Lourdes, jinsab f’idejn l-aġenzija Appoġġ u qed jippruvaw isibulu post fejn jgħix.
Spjega li f’ċirkostanzi bħal dawn, tibda analiżi biex jistabbilixxu jekk il-qraba tat-tifel humiex affidabbli biex jieħdu l-kustodja tiegħu. Madanakollu b’mod immedjat huwa mistenni li jinstablu post f’dar tat-tfal jew anki fostering.
L-aġenzija Appoġġ għaddejja wkoll bi proċess delikat ħafna biex ħaddiema soċjali jgħarrfu lis-sitt ulied l-oħra bil-mewt ta’ ommhom Lourdes.
Fuq ix-xena tar-reat, is-Sibt filgħodu kien hemm numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija mit-Taqsima tal-Forensika u tal-Investigazzjonijiet Kriminali flimkien mal-Maġistrat Astrid May Grima li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li appuntat.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Pulizija mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid, li qed iqisu l-każ bħala omiċidju.
Mhux qed ikun eskluż li Emanuel jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.