Kollezzjoni ta’ arti b’valur li hu stmat li jlaħħaq mat-€300,000 instabet f’maħżen fil-Marsa wara li l-pulizija rnexxielhom isibu lir-raġel li allegatament seraq din il-kollezzjoni minn Palazzo f’Ħal Balzan.
Jidher li din is-serqa kienet irrapurtata minn anzjana li toqgħod f’dan il-palazzo maġenb il-Knisja ta; Ħal Balzan, ix-xahar li għadda.
Il-mara għandha madwar 80 sena u nnutat li kien hemm xi pitturi nieqsa mit-tielet sular. Dan ġara wara li raġel partikolari kien qed iżur lill-anzjana diversi drabi u dejjem kien isib skuża biex jidħol ġewwa.
Jidher li r-raġel kien jitla’ jħuf fid-dar malli l-anzjana tagħmillu t-te jew tidħol tuża l-kamra tal-banju.
Għall-ewwel deher li l-każ kien se jkun diffiċli biex jiġi solvut għaliex ma kellhomx anqas idea ta’ kif jidhru l-pitturi iżda familjari tal-anzjana sabu ritratt li fih jidhru l-pitturi u dan għen biex il-pulizija jgħarfu l-kollezzjoni tal-arti.
Ir-raġel ġie arrestat u l-kollezzjoni tal-arti għalissa tinsab miżmuma sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.