Id-Domus Romana, ġawhra miżgħuda bi storja, b’arkitettura u artifatti li jitfgħu dawl fuq l-istorja ta’ żmien ir-Rumani u aktar tard il-ħakma Għarbija f’Malta.
Din is-sena, jaħbat il-mija u erbgħin anniversarju minn meta din id-dar instabet b’kumbinazzjoni waqt li kienu qed jitħawlu xi siġar fejn illum hemm il-ġonna ta’ Howard.
Hemmhekk feġġ mużajk il-ġmiel tiegħu f’din id-dar aristokratika.
Fi żjara fid-Domus Romana wieħed jinnota l-Peristilum, il-qalb tad-dar li tkun imdawwra bil-kolonni.
Il-Koordinatur Kuraturjali ta’ Heritage Malta Janica Buhagiar spjegat kif id-Domus Romana ma kinitx dar li jgħix fiha kwalunkwe persuna.
Hija qalet: “Bħala sit aristokratiku dan il-peristilum kien aktarx post fejn inti tista’ tilqa’ nies anke pereżempju tkun tista’ tagħmel xi konnessjonijiet politiċi u tilqagħhom f’dan il-post fejn inti turi l-influwenza tiegħek u anke il-finanzi tiegħek lil dawn il-persuni.”
Buhagiar spjegatilna wkoll għaliex id-Domus Romana kienet skoperta importanti.
Hija sostniet: “Bħal pereżempju t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Ġgantija li kienu magħrufa mal-pubbliku xi madwar erbgħin sena qabel id-Domus Romana dawn kienu jservu l-aktar bħala spazju rikreattiv jew spazju għal picnics u dan is-sit, id-Domus Romana kien l-ewwel post fejn kellna binja speċifikament maħduma bħala mużew biex jesponi lin-nies għall-istorja ta’ Malta b’hekk huwa importanti u rivoluzzjonarju f’dan l-aspett.”
Fost il-bosta oġġetti ta’ żmien ir-Rumani li nstabu u li issa qegħdin għall-wirja, nstabet wkoll biċċa għaġina awtentika ta’ dak iż-żmien.
Hija kompliet tgħid: “U fosthom, qed naħdmu fuq interpretazzjoni ġdida fuq dan it-torri ta’ Ġawhar li jinstab f’Ħal Safi u li għandna interessanti f’dan it-torri li għandna artifatt organiku jiġifieri għandna f’dan il-każ biċċa għaġina kkarbonizzata minn żmien ir-Rumani u nixtiequ ovvjament nistudjaw aktar fuqha u nesebixxuha wkoll.”