It-tifla ta’ seba’ snin li f’Ottubru tas-sena l-oħra nħatfet minn ommha, instabet qawwija u sħiħa fl-Ingilterra.
Dan ħabbru l-Ministru Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarjiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal, fejn sostna li l-awtoritajiet Maltin qatt ma waqfu jaħdmu fuq dan il-każ.
Il-Ministru qal li t-tifla qiegħda taħt il-kustodja tal-awtoritajiet fl-Ingilterra u se jkun hemm proċeduri legali biex tiġi lura Malta mal-familja li tiffosterjaha.
Huwa żied jgħid li l-Gvern se jressaq numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ reati marbuta mat-tfal.
Qal, “L-argument ta’ ħtif qam jekk hux ħtif jew le meta joħorġok ġenitur mill-pajjiż, u allura f’liġi li se niddiskutuha l-ġimgħa d-dieħla wkoll se nagħmluha ċara li meta toħroġ lil xi ħadd, avolja tkun il-ġenitur tiegħu, waqt li qiegħed taħt kura tal-istat jew care order oħra, dak jitqies bħala reat. Dik issolvilna ċertu diffikultajiet li kellna f’dan il-każ.”
Intant, waqt il-konferenza tal-aħbarjiet tħabbar li l-ħaddiema soċjali li jaħdmu mat-tfal se jingħataw ktieb speċjalizzat biex jifhmu dak li jkun qed jiġri fil-ħajja taċ-ċkejknin.
Remenda Grech, Direttur fi ħdan l-FSWS, sostniet li dan il-ktieb inħoloq wara riċerka.
Spjega, “Permezz ta’ dal-ktieb, li se jkun proċess li se jitħaddem flimkien mal-ħaddiema soċjali u t-terapisti tat-tfal, it-tfal se jkollhom din l-opportunità li jagħmlu sens. Waqt li jimlew dan il-ktieb se jkollhom ħafna mistoqsijiet bħal “Jien għalfejn kelli nidħol f’kura residenzjali?” “Għalfejn ma stajtx nibqa’ mal-familja tiegħi?” Il-proċes ta’ dan il-ktieb se jkun proprju dan.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Alfred Grixti sostna li dan huwa biss investiment wieħed f’sensiela ta’ investimenti diretti lit-tfal fil-bżonn.
Qal, “Din is-sena, it-tema tan-Nazzjonijiet Magħquda hija ‘Investing in our future means investing in our children’, kif jgħid l-Ingliż, we are putting our money where our mouth is, nagħmlu investimenti bħal din id-dar li qiegħdin fiha. Aħna xejn inqas mill-aqwa. Għat-tfal tagħna rridu l-aqwa u nibqgħu nagħmlu l-każ li s-servizzi li nagħtuhom ikunu tal-ogħla livell.”