Il-Fondazzjoni Lisa Marie qalet li tinsab iħassba li ma kienx żvelat isem il-kowċ maskili risponsabbli għat-tmexxija ta’ plejers nisa li kien misjuba ħati ta’ installazzjoni ta’ web cams fuqhom.
Il-Fondazzjoni qalet li ssibha inkredibbli li l-Qorti ma tara ebda diffikultà li ssemmi persuni li jikkommettu delitti u jkunu minuri, bħal f’każijiet ta’ serq ta’ ammonti żgħar ta’ flus. Jew inkella l-kwistjoni fejn persuna ipproduċiet torti tal-laħam mingħajr permess. Iżda imbagħad, osservat il-Fondazzjoni, jipproteġu l-identità ta’ delinkwenti sesswali.
Filwaqt li tifhem il-ħtieġa li tkun protetta l-identità tal-vittmi, il-pubblikazzjoni tal-ismijiet ta’ delinkwenti sesswali iservi bħala deterrent kbir lill-oħrajn li jkunu tħajru. Jew almenu jaħsbuha sew dwar il-konsegwenzi qabel ma jwettqu kwalunkwe tip ta’ reat sesswali.
Hemm ukoll, kompliet targumenta l-Fondazzjoni, il-kwistjoni tad-dritt taċ-ċittadin li jkun jaf jekk bniedem ħati b’reat marbut mas-sess hux ġar tiegħu, jew inkella jaħdimx fl-istess post tax-xogħol, jew hux preżenti fil-ħajja tat-tfal tiegħu.
“Jekk delinkwenti sesswali ma jissemmewx kif jista’ jkun possibbli għal min iħaddem biex ikun żgurat li ma jintroduċux persjuni ta’ dan it-tip fost l-impjegati innoċenti u possibilment vulnerabbli?” staqsiet il-Fondazzjoni.