Xahrejn qabel Jum il-Milied, tnediet il-kampanja Children’s Dreams, li sitt snin ilu bdiet b’ 100 ħolma u llum qed tara x-xewqa ta’ 1,888 tifel u tifla meqjusa vulnerabbli.
Din hija kampanja li tappella għall-ġenerożità tal-kumpaniji u individwi biex jaqtgħu x-xewqa tal-Milied tat-tfal li qegħdin taħt il-ħarsien tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS.
Minkejja li l-identità tat-tfal li jitolbu dawn ir-rigali tibqa’ anonima, l-istorja abbinata ma’ kull talba hija waħda reali u tkun analizzata b’reqqa minn tim ta’ professjonisti, kif spjega Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS.
Fuq is-sit elettroniku childrendreams.org, wieħed isib il-ħolm tat-tfal minn trabi sa adoloxxenti, li fil-maġġoranza tagħhom huma talbiet żgħar bħal vouchers għall-ikel, ħwejjeġ u kotba.
Talbiet li s-sempliċità tagħhom minnha nnifisha tmiss il-qlub, hekk stqarret ma’ ONE News Remenda Grech mill-FSWS:
“Qegħdin nitkelmu fuq diversi ġugarelli, tfal li jixtiequ soft toy biex iraqqduh magħhom bil-lejl, oħrajn li jixtiequ fwieħa, affarijiet tal-make-up, aċċessorji tax-xagħar. Hemm xewqat varji għal oħrajn li huma adoloxxenti jixtiequ xi ħwejjeġ biex ikunu jistgħu biex ibiddlu fiż-żminijiet ta’ festi, ħafna xewqat differenti li forsi għalina huma xewqat normali imma għal tfal li huma vulnerabbli li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli jkunu jfissru ħafna”.
Il-Ministru tas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq li permezz ta’ ġest tant żgħir, dawn it-tfal jitgħallmu wkoll dwar l-altruiżmu. Appella biex dawn iċ-ċkejknin ma jintesewx mis-soċjetà, ħalli flimkien nagħmlu d-dinja post aħjar.
Dan huwa mument ieħor fejn il-pubbliku juri l-ġenerożità tiegħu f’mumenti li jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal, li minn ċkunithom il-ħajja magħhom kienet bħal pinta ħelu u bittija mrar.