GONZIPN U T-TQASSIM “DOOR TO DOOR” TAD-DROGI FIL-ĦABS
Fl-aħħar ġimgħat, intqal ħafna min-naħa tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħabs u dwar id-droga. Bejn il-kliem u l-fatti iżda, hemm baħar jikkumbatti. Il-fatt hu li fl-aħħar sena, l-ebda priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma ttestja pożittiv għad-droga.
Dan ġie nnotat mit-Times of Malta, li ppubblikat filmat minn ġewwa l-ħabs. Il-ġurnalist Mark Laurence Zammit innota li t-testijiet tad-droga fuq il-priġunieri żdied bid-doppju, u kważi żewġ terzi tal-priġunieri qed jiġu ttestjati kull xahar. Id-Direttur innifsu jinkoraġġixxi lir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jipparteċipaw fi programmi ta’ edukazzjoni u anke xogħol.
Fil-15 ta’ Diċembru 2011, l-Imħallef Michael Mallia ta s-sentenza tiegħu wara li lejlet, bi tmien voti favur u b’vot wieħed kontra, Josette Bickle nstabet ħatja dwar traffikar ta’ droga eroina fil-ħabs ta’ Kordin bejn l-2006 u l-2008 meta fil-gvern kien hemm GonziPN.
Bickle kienet tirċievi d-droga minn barra l-ħabs u mbagħad tibda ddur mal-priġunieri l-oħrajn u tbigħilhom l-istess droga bi prezz ferm ogħla mill-prezz li kienet tinbiegħ barra l-istess ħabs. F’numru ta’ okkażjonijiet Bickle nnifisha kienet tabbuża mid-droga fil-kamra tagħha waqt li f’każijiet oħra kienet tipprepara d-doża tad-droga illegali f’karta jew borża tal-plastik u tgħaddiha lil min ikun ftiehem magħha sabiex jakkwistaha.
Josette Bickle kienet titħallas b’diversi modi, fosthom bi flus, b’diversi oġġetti u ħwejjeġ u saħansitra billi kienet titlob lil xi wħud jaħslulha l-art, jaħslu lilha, jgħaddulha l-ħwejjeġ u jippreparawlha l-ikel.
Waqt illi saru magħrufa dawn il-fatti, l-Imħallef Michael Mallia fis-sentenza tiegħu għamel sensiela ta’ kummenti qawwija ħafna ta’ kundanna totali lit-tmexxija tal-ħabs. L-Imħallef kien wasal għal dawn il-konklużjonijiet :
• Il-preokkupazzjoni tal-Qorti hija għall-fatt li Josette Bickle setgħet taġixxi b’impunità għal sentejn sħaħ taħt għajnejn il-gwardjani u d-diriġenti tal-ħabs.
• Hija impossibbli li dawn ma kinux jafu x’kien għaddej, aktar u aktar meta t-teħid tad-droga kien isir fiċ-ċelel fejn ir-riħa kienet tinfirex fil-kurituri fejn kien ikun hemm il-gwardjani.
• Il-mod faċli li bih id-droga kienet tiġi fil-pussess ta’ Bickle u tiddaħħal fid-diviżjoni ma jistax ma jindikax kollużjoni mal-awtoritajiet.
• Hija ta’ tkexkix tisma’ xhud jgħid li d-droga fil-ħabs kienet tant faċli li l-konsenja tagħha ġiet deskritta bħala “door to door” mentri fuq barra trid tiġri minn post għal ieħor biex issibha.
• Din il-Qorti wisq tissuspetta li din il-kollużjoni testendi ben oltre l-konfini tal-ħabs għax minkejja li tneħħa d-direttur ta’ dak iż-żmien, il-problema xorta għadha hemm.
• F’istituzzjoni li suppost għandha l-ogħla livell ta’ sigurtà fil-pajjiż, din is-sigurtà ma għandha l-ebda effett la llum u lanqas fiż-żmien tal-kawża.
• Din il-Qorti ma tistax ma tasalx għall-konklużjoni li xi ħaġa ħażina hemm, jew forsi din is-sitwazzjoni qed tiġi speċifikament tollerata għaliex dan huwa l-uniku mezz kif is-sovrapopolazzjoni tal-ħabs tista’ tiġi kkontrollata mingħajr ma jiżdied konisderevolment in-numru ta’ gwardjani.
• Il-verdett tal-ġurati huwa verdett mhux biss kontra Josette Bickle iżda kontra s-sistema li ppermettietilha topera b’daqsekk impunità għal zmien daqshekk twil. Sistema li tidher li falliet u ma hemm xejn “correctional” f’dik il-faċilità iżda li qiegħda sservi proprju l-oppost, fejn nies li jkunu relattivament “clean” qegħdin f’ħriskju kbir li joħorgu mill-ħabs agħar milli daħlu.
• Josette Bickle għamlet ħażin. Però rriżulta ċar li ma kinitx waħedha u għalhekk il-Qorti tħoss li m’għandhiex terfa’ l-piż kollu tal-ħtija għax hija biss inġiebet il-Qorti u l-oħrajn le. Il-verdett kien ukoll kontra s-sistema u din tpoġġiet quddiem kulħadd bħala sistema li falliet u li ppermettiet l-abbużi li dwarhom Bickle nstabet ħatja.
Is-sentenza tal-Imħallef Mallia kienet tikkonsisti f’vot ta’ sfiduċja assoluta għall-mod kif kien miexi l-ħabs bejn l-2006 u l-2008 u anki fl-2011, meta ngħatat is-sentenza. Mingħajr l-iċken farka ta’ dubju, bir-riga li Bernard Grech iħobb juża llum għal kull ħaġa li tinqala’, fl-2011 wara s-sentenza tal-Qorti kellha tinġarr minnufih ir-responsabilità politika u jkun hemm ir-riżenji. Fi żmien li l-Qorti sabet l-‘aġir b’impunità’ u ‘sistema li ppermettiet l-abbużi,’ politikament responsabbli mill-ħabs kien hemm l-ewwel Tonio Borg, u wara Carm Mifsud Bonnici.
Madankollu, fi żmien il-glorja ta’ GonziPN, li Bernard Grech irid li jeħodna lura lejh, la wieħed u lanqas l-ieħor ma rriżenjaw. Bil-kontra, Tonio Borg spiċċa ngħata vot ta’ fiduċja meta sena wara, Lawrence Gonzi għażlu biex isir Kummissarju Ewropew waqt li Mifsud Bonnici rriżenja biss, sena wara, għaliex kien imġiegħel wara vot ta’ sfiduċja fih mill-Parlament.
Bernard Grech, ftakar li biex tiskonġra trid tkun pur!