Illum filgħodu, għall-ħabta tal-10:00, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Buqana, ir-Rabat. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post wara li rċeviet rapport dwar il-każ.
Minn investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li trakk tat-tip DAF CF, misjuq minn raġel ta’ 35 sena minn Marsaskala, inqaleb għal xi raġuni.
Is-sewwieq ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Iktar tard, ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Fuq il-post kienu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Transport Malta biex ineħħu kull periklu mit-triq. Sadanittant, il-Pulizija qed tkompli l-investigazzjonijiet tagħha biex tistabbilixxi x’wassal għal dan l-inċident.