Torka ta’ 30 sena residenti l-Gżira mietet wara li ntlaqtet minn karozza fi Triq Testaferrata, il-Gżira.
L-inċident seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu, għall-ħabta tas-siegħa, meta raġel ta’ 33 sena residenti Ħal Lija u ta’ dixxendenza Franċiża u Alġerina baqa’ dieħel bil-karozza l-ewwel ġo pompa tal-petrol u wara ġo faċċata ta’ stabbiliment tal-ikel.
Minn informazzjoni li kiseb One.com.mt jidher li wara l-ħabta x-xufier tal-karozza sar aggressiv ma’ xi nies li kien hemm fuq il-post u mal-Pulizija. Filwaqt li beda jheddidhom u jwaddab xi ġebel li sab fl-art, il-Pulizija tawh ordni biex ineħħi l- ġebel minn idu, iżda injora l-ordinijet. Kien hawn li kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u jiġi arrestat.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, iżda sfortunatament, hi ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Ix-xufier ittieħed l-isptar ukoll u qiegħed jinżamm mill-Pulizija, waqt li l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
Sorsi li tkellmu ma’ One.com.mt qalu li l-mara mietet f’jum t’għeluq sninha.