Inqatgħet illum l-eqdem kawża pendenti fil-Qrati Ċivili ta’ Malta u Għawdex wara xejn anqas minn 53 sena.
Il-kawża li tul is-snin għaddiet minn idejn bosta ġudikanti ġiet deċiża llum mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri.
Il-każ imur lura għal Ottubru tal-1965 u jittratta kwistjoni ta’ wirt minn familja fin-Nadur Għawdex.
Il-persuni li oriġinarjament fetħu l-kawża huma żewġt aħwa li talba li jingħataw il-leġittima mill-wirt tal-ġenituri tagħhom Giovanni Portelli li miet fl-1952 u Maria Portelli li mietet fis-6 ta’ Settembru tal-1964.
F’sentenza ta’ aktar minn tlieta u ħamsin paġna, il-Maġistrat Vella Cuschieri kkonkludiet li l-aħwa Portelli għandhom jingħataw total ta’ ftit aktar minn elfejn ewro bħala sehemhom mil-leġittima dovuta lilhom mill-ġid ta’ wirt missierhom u ommhom bil-jedd għall-imgħaxijiet ta’ tmienja fil-mija mindu nfetaħ il-wirt tagħhom.