Is-sena l-oħra żaru pajjiżna 2,330,000 turist biex b’hekk inqabżet il-mira li sal-aħħar tas-sena jkunu ġew attirati 2.2 miljun turist.
Dan ħareġ minn ċifri aġġornati, għall-2022 ippublikati mill-Awtorità tat-Turiżmu.
L-2022 kienet sena li kompliet timmarka l-irkupru b’saħħtu ta’ dan is-settur. Fil-fatt, meta mqabbel mal-aqwa sena għat-turiżmu f’pajjiżna, jiġifieri l-2019, pajjiżna rkupra kważi 84 fil-mija tat-turisti.
Madankollu ,fl-istess waqt, inqabeż l-għadd ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-2017, sena meqjusa pożittiva ħafna għat-turiżmu f’pajjiżna.
Dan l-irkupru jisboq b’20 fil-mija l-irkupru tat-turiżmu madwar id-dinja kollha b’4 fil-mija lil dak tal-Ewropa.
Fil-presentazzjoni ta’ dawn ir-riżultati, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turizmu, is-Sur Leslie Vella spjega kif l-aqwa suq għal-pajjiżna kien dak tar-Renju Unit, li minnu żaru pajjizża 427,005 turisti. Isegwi hemm is-suq Taljan bi 398,198 turist. Is-suq Franċiż ukoll kien wieħed b’saħħtu għat-turiżmu f’pajjiżna, hu minnu ġew lejn alta 258,372 turist.
Is-Sur Leslie Vella qal li s-suq Pollakk ra żieda fin-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna meta mqabbel mal-2019. Fil-fatt, filwaqt li fl-2019 żaru pajjiżna 104,228 turist mill-Polonja, fl-2022 żaru pajjiżna 143,229 turist: żeda ta’ aktar minn 39,000. Is-suq Awstrijak, dak Franċiż, u Taljan kollha raw żieda fin-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna minnhom fl-2019.
Fl-istess waqt, it-turisti mill-Olanda u mill-Ungerija laħqu kważi l-istess figuri tal-2019, b’98 fil-mija u 95 fil-mija rispettivament.
L-akbar numru ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-2022 kellhom bejn il-25 u l-44 sena. Warajhom jiġu dawk li kellhom bejn il-45 u l-64 sena.
In-numru ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna wkoll immarka rkupru b’saħħtu fl-2022. Filwaqt li fl-2021, it-turisti li żaru pajjiżna qattgħu Malta 8,389,545 lejl, fl-2022 qattgħu ‘il fuq minn 16,608,131 lejl.
Għalkemm dan huwa ftit inqas mid-19,338,860 lejl tal-2019, din iċ-ċifra taqbeż l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna fl-2017.
In-nefqa tat-turisti rat saħansitra rkupru akbar mill-iljieli mqattgħin, meta mqabbel mal-2019. Fil-fatt, hawn kien hawn irkupru ta’ 91 fil-mija.