L-Ewroparlamentari Josianne Cutajar kellha ħidma ta’ suċċess doppju f’negozjati mal-istituzzjonijiet Ewropew fuq żewġ liġijiet li se jwasslu għal aktar aċċessibilità diġitali u ekosistema tat-turiżmu aktar ibbilanċjat.
Bħala negozjatriċi tas-Soċjalisti f’isem il-Kumitat għall-Industrija u t-Teknoloġija, hija kkonkludiet b’suċċess liġi li l-għan tagħha huwa li jiffaċilita l-aċċess tad-data onlajn fis-settur pubbliku. B’din il-liġi tagħti prijorità lit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, li jiżġura aċċess ugwali u jippromwovi t-tisħiħ kontinwu tal-ħiliet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku.
Cutajar tat sehem importanti biex intlaħaq ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Kirjiet għal Żmien Qasir. Bħala n-negozjatriċi ewlenija f’isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, mexxiet ’il quddiem għal qafas regolatorju u ta’ qsim ta’ informazzjoni u data li se jgħin bis-sħiħ biex ikollna ekosistema tat-turiżmu aktar trasparenti u sostenibbli.
Dan se jkun ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet, sidien li jikru l-proprjetà tagħhom għal żmien qasir, pjattaformi onlajn, lukandiera, turisti u l-komunitajiet.
Ġew innegozjati b’suċċess il-proċess ta’ reġistrazzjoni aktar faċli u bi spejjeż minimi għal dawk li se jikru l-proprjetà tagħhom, flimkien ma’ protezzjoni akbar biex jiġu identifikati propjetajiet offruti għall-kiri b’mod illegali.
Josianne Cutajar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha lejn il-kontribuzzjoni effettiva tagħha fil-qasam diġitali u biex nimxu lejn setturi pubbliċi u industrijali aktar effiċjenti, inklussivi u sostenibbli.