“Tinkwetawx għax se tkunu d-dar, is-sapport tagħkom jinħass xorta”, kien dan il-messaġġ mill-qalb miktub fuq il-paġna ta’ Facebook uffiċjali ta’ Ħamrun Spartans, ftit sigħat qabel ma tintlagħab il-logħba mistennija bejn Ħamrun u Valletta.
Din il-logħba mill-kampjonat Premier is-soltu tiġbed fost l-ikbar ammont ta’ partitarji lejn il-grawnd hekk kif kemm Valletta u kif ukoll Ħamrun huma magħrufa għas-sapport b’saħħtu li jgawdu.
Minħabba l-imxija ta’ Covid-19, l-istadium għadu magħluq iżda Ħamrun Spartans, fl-appell tagħhom saħqu li s-sapport mid-dar tal-partitarji tagħhom huwa xorta importanti u fl kliemhom jinħass xorta jekk mhux aktar.
Ħamrun Spartans appellew sabiex kulħadd jimxi mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Awtoritajiet kompetenti wara anke li saru laqgħat apposta.
“Il-kuluri aħmar u iswed jibqgħu f’qalbna dejjem. Bil-grawnd miftuħ, jew bil-grawnd magħluq, ħadd u qatt ma jista’ jċaħħadna mill-imħabba lejn it-tim tagħna tal-Ħamrun.”, qara l-messaġġ Ħamruniż.