Fir-raba partita tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo fil-Kampjonati Ewropej tal-Len 2022 li qed isiru f’Split l-Kroazja, Malta rebħet kontra Slovenja 13 b’9 biex b’hekk għal ewwel darba fl-storja ser jkun qed tilgħab fil-finali għal minn jispiċċa fit-13 jew l-14 il-post kontra l-Ġermanja.
Dan ifisser li l-għan prinċipali ta’ Malta f’dawn il-Kampjonati se jkun intleħaq għaliex fl-edizzjoni ta’ sitt snin ilu Malta kienet spiċċat fil-15 il-post u tragward f’dawn il-Kampjonati kien li Malta tispiċċa f’pużizzjoni aħjar.
Il-plejers Maltin taw kollox u kien hemm mumenti fejn il-pressjoni kienet evidenti madankollu dejjem irnexxilhom jegħlbu kull sitwazzjoni li ġiet għalihom biex eventwalment rebħu l-logħba.
Malta rebħet l-ewwel sessjoni 3 – 2 bis-Sloveni jerbħu bl-stess skor fit-tieni sessjoni. Bilanċ assolut fit-tielet sessjoni, draw ta’ 3 – 3 biex fl-aħħar sessjoni Malta rebħu 5 – 1.
Għal Malta spikkaw Dino Zammit bit-tlett gowls filwaqt li b’żewġ gowls kull wieħed kien hemm Matthew Zammit, Nicholas Bugelli, Liam Galea u Ben Plumpton. Andreas Galea u James Gambin skorjaw gowl kull wieħed.
Nhar it-Tlieta li ġej fil-11.30am Malta tilgħab kontra l-Ġermanja fejn possibilment Malta tkompli tikteb l-storja jekk eventwalment terbaħ kontra l-Ġermaniżi.
Ritratt: ASA